top of page
Devozzjoni lejn San Ġorġ

Devozzjoni lejn San Ġorġ

Id-devozzjoni lejn San Ġorġ f'Malta hija waħda antika ħafna. Xi studjuzi isostnu li din id-devozjoni ġejja min żmien il-Biżantini, jiġifieri meta Malta għaddiet minn taħt idejn ir-Rumani u ngħaqdet mal-Imperu Biżantin. L-istorja tgħidilna li fiż-żmien il-Biżantini kien hemm Knisja żgħira ddedikata lil San Ġorġ fix-xatt tal-Port tal-Marsa, li sfortunatament inħattet fiż-żmien l-Għarab. Fl-istess żminijiet, kappella oħra ta' San Ġorġ u li ukoll m'għadiex teżisti, kienet mibnija fil-blat in-naħa ta' Ġebel Ċiantar fis-Siġġiewi. Meta nħarsu lejn ismijiet ta' postijiet f'Malta u f'Għawdex naraw li jeżistu bosta imkejjen li għandhom isimhom marbut ma' San Ġorġ. 

Eżempju huma l-bajjiet ta' San Ġorġ li nsibu f'Birżebbuġia u oħra f'San Ġiljan. Il-Wardijja ta' San Ġorġ viċin il-Fawwara fis-Siġġiewi. Insibu ukoll li fil-belt Victoria f'Għawdex id-devozzjoni lejn San Ġorġ hija waħda qadima ħafna li x'aktarx tmur lura sa żmien il-Biżantini ukoll. Evidenza oħra ta' din id-devozzjoni antika hija l-affreski li nsibu fil-kappella ta' Ħal Millieri li tinsab vicin iż-Żurrieq. Kappella oħra tinsab ġewwa Birżebbugia. Ma' għandniex xi ngħidu, din id-devozzjoni kompliet kibret meta kienu stabiliti l-parroċċi ta' San Ġorġ  f'Ħal Qormi u fir-Rabat Għawdex. 

San Ġorġ jissema ukoll bħala wieħed mill-qaddisin li flimkien ma' San Pawl u Sant'Agata, skond it-tradizzjoni kienu interċedew fl-assedju tal-1429, biex il-Maltin nħelsu mill-invażżjoni Saraċina. Pittura ta' dan l-assedju narawha fil-koppla tal-Kolleġġjata ta' Ħal Qormi u oħra fl-apside tal-Bażilika ta San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex. Meta fl-1530 ġew l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann id-devozzjoni lejn San Ġorġ kompliet tikber. Il-Kavallieri kellhom devozzjoni speċjali lejn dan il-Qaddis. Filfatt meta wara l-assedju l-kbir inbniet il-Belt Valletta, li l-bieb prinċipali tagħha kien issemma Porta San Giorgio, it-triq li llum hija Triq ir-Reppublika kien jisima Strada San Giorgio filwaqt li Misraħ il-Palazz kien jismu Pjazza San Giorgio fejn għada tissemma hekk sal-lum bħala Pjazza San Ġorġ. Anke meta l-kavallieri bnew il-Knisja konvetwali tagħhom ħasbu biex ikollhom artal iddedikat lil dan il-Qaddis. 

Fil-perjodu Ingliż din id-devozjoni kompliet kibret, u naraw kif l-Ingliżi waqqfu l-ordni onorarja ta' San Mikiel u San Ġorġ. Insibu erbgħa Għaqdiet Mużikali ddedikati għal San Ġorġ f'Pajjiżna, dawn huma l-Banda San Ġorġ f'Bormla, l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri u l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici f'Ħal Qormi, u s-Socjeta' Filarmonika La Stella fir-Rabat Għawdex. Barra min hekk, nsibu ukoll l-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri li tajjeb li ngħidu kien l-ewwel Kumitat Festi Esterni ġewwa Malta, u l-Għaqda tan-Nar 23 t'April f'Ħal Qormi. L-ewwel team tal-futbol li twaqqaf ġewwa Pajjiżna kien msemmi għalih, dak ta' St. George's ġewwa Bormla. Ta' min insemmu wkoll in-numru kbir ta' niċeċ li naraw imferrxin ma' pajjiżna ddedikati lil San Ġorġ. Artali fil-Knejjes tagħna u kappelli fill-kampanja kif ukoll toroq li ssemmew għalih, li kollha jikkonfermaw kemm id-devozzjoni lejh hija waħda imxettla sew fit-tradizzjoni tagħna l-Maltin. 

San Ġorġ kompla rabat ismu ma' pajjiżna meta waqt it-tieni gwerra Dinjija, ir-Re George tal-Ingilterra ta l-George Cross lil Malta, li minn dak inhar tpoġġa fuq il-bandiera ta' Pajjizna. Għalhekk fuq il-bandiera ta' Malta naraw lil dan il-Qaddis.

Fir-raħal ta' Ħal Qormi, tista' tgħid li l-għażla tal-Patrun kienet waħda naturali. Belt il-Qriema minn dejjem kienet Belt mżejna b'furnara, bdiewa, benneja u nies li jaħdmu l-inbid, Ħaddiema tal-art. Wieħed jista' jaħseb kif il-Qriema riedu Patrun li jirrappreżenthom. Minbarra l-popolarita ta' dan il-Qaddis, l-isem Ġorġ ifisser Ħaddiem l-art u ma' jistax jonqos ukoll il-fatt li l-ġurnata Liturġika ta' dan il-Qaddis kbir, it-23 ta' April, taħbat fir-Rebbiegħa, staġun sinonimu ukoll mal-ħaddiema tal-art. Għalhekk, nistu ngħidu li l-għażla kienet awtomatika, San Ġorġ il-Patrun tal-Qormin. 

Copyright © 2009 by Daniel Pullicino created with Wix.com

bottom of page