top of page

Il-Ħajja ta' San Ġorġ
Il-Ħajja ta' San Ġorġ
Fis-sena 284 w.k., jew qrib tagħha, fit-trufijiet tal-Kappadocja, qrib il-belt ta' Ġerusalemm, seħħew ġrajjiet kbar, ġrajjiet importanti li warajhom kellhom iħallu sinjali profondi, imma totalment opposti għal xulxin. Fil-belt ta Nikomedija, l-armata Rumana ħatret lil Dijoklezjanu bħala l-Imperatur il-ġdid, wara l-mewt ta Numerju. Dijoklezjanu kien bniedem b'saħtu, ambizzjuz, bla skruplu u superstizzju. L-għazla ta' Dijoklezjanu bħala Imperatur kellha tħalli sinjali ta' kefrija fl-istorja ta' l-umanita.
Fl-istess sena, kemmxejn l'bogħod minn Nikomedija, eżattament f'Lidda, seħħet ġrajja oħra li kellha tħalli sinjali, mhux ta' kefrija jew ta' mistħija imma ta ġieħ. Fost l-Insara ta' dik il-belt, insibu koppja ta nisel nobbli, pero` li kienet aktar nobbli għall-fidi Nisranija li kienet tħaddan. Din il-koppja kienet magħmula minn Geronzju u Polikronja, u kienet tappartjeni lill-Familja nobbli Anici. L-isem Anici jfisser Qatt Mirbuħa. Lil din il-koppja, Alla għoġbu jagħtiha rigal; wild gdid. Il-koppja, ferħana b'dan ir-rigal, laqgħetu lil dan l-iben, frott misterju tal-imħabba ta' bejniethom u tal-Imħabba t'Alla għalihom u għall-bnedmin.
Geronzju u Polikronja ressqu lil din it-tarbija biex tircievi s-Sagrament tal-Magħmudija u mal-mistoqsija tas-sacerdot "X'isem tridu tagħtu lil din it-tarbija taghkom?", huma wieġbu b'leħen sod u deċiz: Ġorġi huwa ismu. Bl-ilsien Grieg, Gori jfisser ħaddiem l-art. Donnu b'dan l-isem, Alla ried juri l-ġrajjiet li kellu jgħaddi minnhom dan it-tifel fil-ħajja qasira imma intensa li kellu fuq din l-art. Fil-bidu taż-żogħżija tiegħu, Ġorġi Anici rċieva s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija, l-Ewkaristija u l-Konfirmazzjoni.
Il-familja ta' Ġorġi Anici kienet familja eżemplari ħafna. Il-ġenituri tiegħu għamlu minnu midla tal-Kelma t'Alla u fissrulu bir-reqqa t-tagħlim li Ġesu` ried li jkollhom id-dixxipli tiegħu. Il-ġenituri ta Ġorġi bnewlu ħajtu fuq il-kelmiet ta Ġesu`: "Kunu perfetti bħalma perfett hu Missierkom li hu fis-smewwiet". Ġorġi kien jattendi wkoll it-tagħlim tad-duttrina u kien jgħozzu u jgħixu. Ta' erbatax -il sena, Ġorġi tilef lil missieru. Din il-mewta ma' telfitx lill-Familja Anici ta' Lidda. Hawnhekk, Ġorġi tfarraġ bil-ħsieb li mal-mewt, il-ħajja ma tintemx imma tinbidel. Ftit snin biss wara l-mewt ta missieru, Ġorġi tilef ukoll lil ommu, Polikronja.
Issa, li ma kien fadallu lil ħadd f'din id-dinja, Ġorġi kkollabora ma' Sid l-għalqa fil-ħidma tiegħu. Mal-mewt tal-ġenituri tiegħu, Ġorġi sab ruħu fuq l-għatba tal-ġejjieni tiegħu. Huwa mar fil-belt imperjali ta' Nikomedija biex jaqbad il-karriera ta' suldat fl-armata Rumana. Ippreżenta ruħu quddiem Dijoklezjanu l-Imperatur. Dijoklezjanu laqa bil-ferħ lil Ġorġi Anici, intlaqat minnu u qiegħdu bħala wiehed mill-aktar uffiċjali f'dati tiegħu fl-armata. Mexa l-quddiem fl-armata, u kien stħoqqlu ta' bilħaqq li jilħaq tribun, u ġibed l-ammirazzjoni mhux biss ta' sħabu imma tal-istess kmandant imperjali tiegħu. Pero` jekk Ġorġi mexa l'quddiem fl-armata, mexa l'quddiem bil-wisq aktar fil-fidi Nisranija u fis-servizz tiegħu lejn Alla. Aktar milli suldat Ruman, Ġorġi Anici kien iqis ruħu bħala Suldat ta Kristu.
Fis-sena 302 w.k., il-Knisja kienet waslet biex tgħaddi minn mumenti ta' prova. Kienet waslet biex tfaqqa fuq il-Knisja l-eħrex tempesta fl-istorja tagħha. Dijoklezjanu kien qed jiġi nfluwenzat minn Galerju, ġeneral Ruman, għadu fanatiku tal-Insara. Dijoklezjanu beda joħrog liġijiet kontra l-Insara. L-Imperatur Ruman ħareg editt li fih ordna li s-suldati Nsara kollha jiġu arrestati biex ikun ċert li fil-milizzja tiegħu ma' kellux suldati Nsara. Ordna biex kull suldat joffri sagrifiċċju lill-allat pagani. Pero`, tfaċċa żgħażugħ fuq tiegħu, li b'kuraġġ u determinazzjoni liema bħalha qabad l-editt u ċarrtu. Dan ż-żgħażugħ ma kien ħadd ħlief Ġorġi tal-Familja Anici! Hawnhekk, fost il-ħafna suldati li beżgħu jistqarru l-fidi tagħhom, Ġorġi baqa sod, baqa l-aktar suldat fidil lejn il-Mulej. Dijoklezjanu xtaq jeqred għal kollox lill-Insara, pero quddiemu sab kolonna, Ġorġi, t-Tribun ta l-Armata Rumana, iben il-gwerrier qalbieni, Geronzju. Wasal ukoll il-jum li fih Gorgi resaq quddiem l-Imperatur, u ċanfru għall-inġustizzja li kien qed iwettaq mal-Insara. Ġorġi ma' beżax għalih innifsu. Ma kellux x'jitlef, anzi, kellu tabilħaqq xjirbaħ! Għax għal min hu ta' Kristu, il-mewt mhix telfa imma gwadann. Ġorgi ma' beżax jistqarr li hu Nisrani! Ma beżax jgħid li s-Sid tiegħu hu Alla, u Alla biss! Quddiem Gorgi, Dijoklezjanu ħassu mriegħex. Kien irrabjat ħafna għal Ġorġi, imma min-naħa l-oħra, Dijoklezjanu kien iħobbu lil Ġorġi, u kien miġbud lejn il-virtujiet sbieħ li bihom kien imżejjen. Għalhekk, l-Imperatur ipprova jġib ruħu tajjeb miegħu, ħadu u kellmu bil-ħlewwa u ipprova jagħmel minn kollox biex jikkonvinċi lil Ġorġi jibdel fhemtu u joqgħod għall-amar tiegħu kontra l-Insara. Imma l-imqaddes Ġorġi, konvint minn twemminu, neħħa minn fuqu l-mantar ta' Tribun tal-Armata, li kienet il-gieh ta' niesu.
Issa, Ġorġi għarraf li kienet riesqa lejh is-siegħa li fiha kellu jbgħati, bħalma bagħta s-Sid tiegħu, Ġesu`. Pero`Ġorġi, kien imħejji sa minn ckunitu għal din is-siegħa li kienet qed toqrob lejh. Kien konvint li ħadd u xejn ma kien se jfixklu, la l-ħajja u lanqas il-mewt u lanqas t-turmenti li kellu jgħaddi minnhom. Nitfgħu ħarsitna fuq Ġorġi Anici, iħares lejn is-sema, jitlob lil Alla biex izommu sod f'dan il-waqt li kien wasal biex jgħaddi minnu. Dijoklezjanu l-Imperatur, lil Ġorġi staqsih kemm il-darba biex jara jekk jibdilx fhemtu, pero` Ġorġi ikkonvincih li hu kien se jibqa fidil lejn Kristu, is-Sid tiegħu. Ħabba f'hekk, Ġorġi kellu jgħaddi min ħafna Martirji. Hu ġie mixħut il-habs u msawwat bla ħniena. Fost l-eħrex torturi li sofra Ġorġi fil-ħabs kien meta poġġewlu ġebla tqila fuq sidru u ħallewh lejl sħiħ bi tbatija kbira imma l-fidi nisranija baqgħet soda ġewwa fih. Matul il-Lejl fil-ħabs deherlu Kristu u qallu li kellu jbagħti biex jippruvaw iġġiegħluh jiċħad il-fidi nisranija li kien tant iħaddan bi ħrara kbira. Għal bosta drabi ttieħed quddiem Dijoklezjanu fejn kien mixli li ma' kienx qiegħed jagħti ġieh lill-allat ta' Ruma. Ta' dan kien ta' kull darba iwasslu biex ikun ikkastigat u maħqur bla ħniena. Fost il-martirji, kienu r-rota tax-xfafar, il-velenu, mixħut fil-kalkara tal-ġir u bosta oħrajn. Dejoklezjanu min naha tiegħu pprova jagħmel min kollox biex iġiegħlu jiċħad il-fidi nisranija iżda kollu kien ta' xejn. Dijoklezjanu, ma kien fadallu ebda azzjoni x'jieħu, ħlief li jikkundanna lil Gorgi ghall-mewt, permezz tal-qtugħ ir-ras. Dan il-jum sebaħ fit-23 t'April tas-sena 303.
Nitfgħu ħarsitna fuq Ġorġi, żgħażugħ qalbieni, ta' madwar wieħed u għoxrin sena, tiegħla l-għolja tal-kundanna. Il-pagani, ferħana, għax ħasbu li kienu se jeħilsu darba għal dejjem minn dan l-ardit, li saħansitra sfida lill-awtoritajiet tal-Armata. Ċarrtu ħalqhom mhux ftit bdahk ta' zeblieħ, x'hin raw ix-xabla tal-manigold nieżla biex tifred ras Ġorġi mill-bqija ta ġismu. Iddieħku dawk li raw lil ras Ġorġi titgerbeb ma l-għolja, mingħalijhom li magħha kienet qed titgerbeb il-ġieh ta' dan iż-żgħażugħ! U xenglu rashom dawk li raw lill-ġisem tiegħu jitqiegħed f'qabru. Ħasbu li miegħu kienet se tinqered it-tifkira ta Ġorġi! Kemm kienu mqarrqa dawk il-pagani tan-Nikomedija! Għalhekk, il-jum glorjuz tat-23 t'April 303, deher f'għajnejn il-pagani bħala l-jum li fih rebħet il-mewt, imma f'għajnejn l-Insara, l-mewt ħarġet mill-ġdid telliefa. Għax dan il-jum kien il-jum li fih Ġorġi ta' Lidda twieled mill-ġdid fis-sema, il-Jum tat-trijonf tiegħu, il-jum tar-rebħa tiegħu, il-jum tal-glorja.
Kienu bosta l-kittieba li kitbu fuq il-ħajja ta' dan il-qaddis u l-kwantita ta' Martirji li sofra. B'kollox, Ġorgi ta' Lidda sofra seba' Martriji u kien għalhekk li ġie msejjaħħ mill-Knisja Kattolika bħala MegaloMartri, li tfisser Martri l-Kbir ta' Kristu. San Ġorġ ukoll ġie msejjaħ Tawmaturgu għaliex għamel diversi mirakli u interċeda matul is-sekli. Hu għalhekk, li Ġorġi jitqies fost l-akbar Qaddisin tal-Knisja, xieda ta' dan hu il-kult tiegħu li hu mifrux mad-Dinja kollha.
San Ġorġ, is-suldat qalbieni ta' Kristu.
bottom of page