
Innijiet lil San Ġorġ
Innu Popolari Fjur ta' Martri
Kliem il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila
Fjur ta martri, Ġorġi tagħna,
Ismek jgħid egħġubijiet;
Fuq tjubitek, fuq agħmilek
Tkellmu l-ibgħad żminijiet.
Mhux il-ġid, mhux il-foħrija
Kienu l-għana li ħabbejt;
Fidi sħiħa, mħabba kbira
It-teżor li bih tbennejt.
Maħbub Ġorġi, f'din is-siegħa
Li tfarraġna b'dawl is-sliem,
Agħmel inti li mħabbitna
Tkun fil-ħidma mhux fil-kliem.
Mhux għalxejn suldat qalbieni
B'żiemel taħtek, xrara nar;
U bis-sejf, jew b'lanza fidek
Rawk poeti l-iżjed kbar;
U fil-ġlied ma' bhima kiefra
Bla ma tegħja u ma' tistrieħ,
Rawk tissara, tolqot, tidrob
U bil-mewt toħrog rebbiegħ.
Maħbub Ġorġi, f'din is-siegħa
Li tfarraġna b'dawl is-sliem,
Agħmel inti li mħabbitna
Tkun fil-ħidma mhux fil-kliem.
Ħalli, mela jdoqq ferrieħi
Fuq il-fomm tagħna l-Qormin,
L-innu tiegħek li qalb safja
żejnet b'noti sbieħ, ħelwin.
U nixtiequ li dan l-innu
Jasal fl-għoli tas-smewwiet,
Biex minn hemm jixxerred fuqna
Tal-ħajr tiegħek il-ħlewwiet.
Maħbub Ġorġi, f'din is-siegħa
Li tfarraġna b'dawl is-sliem,
Agħmel inti li mħabbitna
Tkun fil-ħidma mhux fil-kliem.
Innu Marċ Ġorġi Tagħna
Kliem Dun Pawl Genovese
B'qalbna mħeġġa u mfawwra bil-hena
b'demmna jbaqbaq, se ntiru bil-ferħ,
b'wiccna jixgħel bid-dawl, xfar għajnejna
b'demgħa mxarrba ta' sliem u ta' serħ.
Ngħollu 'l fuq kemm nifilħu jdejna
biex b'ċapċip illi jtarrax nilqgħuk
b'għajta tidwi sa rkejjen Gżiritna,
fl-ogħla sema b'din l-għajna ntellgħuk:
Ġorġi Tagħna, ħadd mhu bħalek
la fil-ġmiel, la fil-qlubija;
kont u tibqa' l-ġawhra tagħna,
Inti biss thenni 'l qalb Qormija!
Fi xbihatek il-ġmiel u l-qlubija
biex nisġithom hawn fl-art l-anġli ġiet:
sawbet deh'na f'moħħ Pietru Felici
biex fik ġabar tas-sema l-ħlewwiet.
L-ebda kewba smewwija ma' tisboq
wiċċek jilma bid-dawl daqs tax-xemx:
l-ebda warda Maltija m'hi oħla
mit-tbissima ta f'ommok, le m'hemmx!
Kif ħarsitna tiltaqa ma' ħarstek,
qalbna nħossu trid toħroġ u ttir
lejk, fuq ġwienaħ l-imħabba tintrefa',
tinfex f'għajta ta' gieħ u tifħir.
Ġorġi Tagħna, ħadd mhu bħalek
la fil-ġmiel, la fil-qlubija;
kont u tibqa' l-ġawhra tagħna,
Inti biss thenni 'l qalb Qormija!
Bl-ogħla sebħ libsek Alla fil-genna
żejnek b'setgħa ta' Prinċep ħanin,
ried li ismek iwarrad fid-dinja,
ried li tfittxek f'kull ħtiega l-bnedmin.
Minn ta' l-ewwel konn' Aħna li ntfajna
f'dirgħajk mgħannqa ħtarniek il-Patrun
zommha tħabbat ma' qalbek din qalbna,
ħniena ngħixu fi ħdanek kuljum.
Ġorġi Tagħna, ħadd mhu bħalek
la fil-ġmiel, la fil-qlubija;
kont u tibqa' l-ġawhra tagħna,
Inti biss thenni 'l qalb Qormija!
Innu taċ-Ċentinarju
L-Għanja ta' Qlubna
Kliem Dun Pawl Genovese
Fil-Qalba ta' Qlubna hemm għanja
moħbija, ġo fina l-Qormin
hu sebħek San Ġorġ, li jhennina,
hu ġmielek, li jzommna msaħħrin
Hi l-għanja li tinseġ ġrajjietna
ma' ismek, hekk ħlejju w sabiħ,
mirquma minn ħajtek qaddisa
li biha isimna sar ġieħ.
kull sena, fil-jum ta' twelidek
għas-sema, din tikbes nirien,
bħal kewkba fiddiena fis-sema
li ssebbaħ b'dawlitha l-ħolqien.
Int l-għaxqa, int l-għozza ta' ġensna;
int sedqa, int barka u sliem;
(San Ġorġ, irriduk tibqa' magħna
Fil-mixja li qbadna 'l quddiem.) x2
Bħal llum il-ġnus kollha għalenija,
li b'ħiltek, b'għamillek saħħart,
fuq rasek iqiegħdu kuruna
ta' bjuda u ħmura, fil-ward.
Ħa jfissru kif b'demmek iħammar
fuq l-abjad tas-safa sallabt:
ir-rebħa aħħarija fuq l-għadu
li tiegħu kull qilla ġarrabt.
Bqajt, wara sbatax-il mitt sena,
fuq qabrek issejjaħ qtajjiet
li l-għanja ta' ħajr itennulek
għal kemm magħna għamilt għeġ'bijiet
Int l-għaxqa, int l-għozza ta' ġensna;
int sedqa, int barka u sliem;
(San Ġorġ, irriduk tibqa' magħna
Fil-mixja li qbadna 'l quddiem.) x2
Innu Missier Beltna
275 Anniversarju tal-Istatwa ta' San Ġorġ
Ħal Qormi
Kliem Fr. Reno Muscat
Mal-erbat irjieħ tad-dinja,
Tmur fej' tmur għandek issib,
xi maqdes, xi dejr il-fidi,
illi isem Ġorgi jġib,
Hekk ukoll f'din Malta tagħna,
Fost it-tempji ewlenin,
Hemm ta' Ġorġi gens Anici,
Illi ttella' fl-ibgħad żmien,
Sliem għalik Martri ta' Kristu,
ħlewwietek bħall-ġiżimin.
Insellmulek, Ġorġi Mqaddes,
Missier il-Belt tal-Qormin.
Minn tal-ewwel kienu wliedu,
ta' Ħal Qormi li ordnaw,
Ta' Ġorġi l-ġmiel fl-għuda mnaqqax,
biex qrib tagħhom deh jaraw,
B'sengħa b'dehen Pietru Felici,
minn ta' Ġorġi l-oħla wlied,
Naqqax xbieha kollha ħlewwa,
Anġlu donnha tas-smewwiet,
Sliem għalik Martri ta' Kristu,
ħlewwietek bħall-ġiżimin.
Insellmulek, Ġorġi Mqaddes,
Missier il-Belt tal-Qormin.
Ħarset wiċċek tnessi d-dinja,
Isbaħ minnek qatt u xejn,
Int tgħammar ġo qalb kull Qormi,
Surtek tpaxxi dawl l-għajnejn.
Ġorġi tagħna bħal Missierna,
żommna taħt ħarset għajnejk,
Sabiex meta tkun is-siegħa,
ngawdu 'l Alla, niġu ħdejk
Sliem għalik Martri ta' Kristu,
ħlewwietek bħall-ġiżimin.
Insellmulek, Ġorġi Mqaddes,
Missier il-Belt tal-Qormin.
Antiphona
Fundatus
(Bil-Latin)
Fundatus supra firman petram,
Georgius nobilis miles,
a verbis impii tyranny non timuit,
nec terranae dignitatis gloriam quaesivit.
Sed constanter pro Christi fide
Cetans usque ad mortem!
Hodie martryii Gloria, et honore coronatus est.
Alleluja, Alleluja.
(Bil-Malti)
Wieqaf sod fuq blata samma,
il-qalbieni suldat Ġorġi tagħna,
xejn ma' beża mit-theddid
tat-tirann infamy
il-foħrija u l-unuri ta' did-dinja
kien dejjem jistmerrihom.
Ħajtu kollha għal twemminu fi
Kristu issielet
sa ma' ffaċċja l-mewt
b'hekk illum qed narawh imżejjen
bil-kuluri sbejħa tal-Martirju.
Halleluja, Halleluja.