
Il-Knisja Kolleġġjata, Arċipretali u Arċimatriċi
Il-Knisja ta' San Ġorġ hija binja nteresanti ħafna speċjalment fil-mod ta' kif żviluppat u l-kors li ħadet biex waslet kif nafuha llum. Min dokumenti antiki jidher li fl-1456 kienet diġa teżisti Knisja ddedikata lil San Ġorġ Martri f'dawn l-inħawi fejn hija mibnija l-Knisja llum. Bħala parroċċa din kienet diġa msemmija mill-Isqof Senatore de Mello fil-viżita pastorali li kien għamel f'Malta fl-1436 u kienet waħda mill-ewwel għaxar parroċċi. Mons. Isqof Pietro Duzina fil-viżita pastorali tiegħu fl-1575 isemmi li f'Ħal Qormi kien hemm 22 Knisja, li 16 minnhom kienu fir-raħal u sitta fil-kampanja. Hu jagħti deskrizzjoni ta' kull waħda minnhom u jgħid fliema stat kienu jinsabu. Fost dawn jitkellem fit-tul fuq il-Knisja ta' San Ġorġ Martri li jsejħilha bħala parrokjali.
Il-Knisja ta' San Ġorġ ħadet kwazi 100 sena biex spiċċat kif nafuha llum. Dan ma jfissirx li damet tinbena 100 sena. Ir-raġuni għal dan kien il-fatt li l-ewwel parti li nbniet minn din il-Knisja kienet il-korsija u n-navati li kienu lesti fl-1610. din kienet forma ta' knisja rettangulari tixbaħ ħafna lill-Katidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta. Fiż-żmien ta' wara li nbniet l-ewwel parti tal-Knisja ta' San Ġorġ, il-knejjes bdew jinbnew forma ta' salib latin, jiġifieri mhux forma ta Troll imma bdew jinbnew il-kappelluni u l-kor u għalhekk il-Knisja kienet tiġi forma ta' salib. Il-Qriema ħasbu biex ikabbru l-Knisja u jżidulha l-kor u l-kappelluni, proġett li kien jitlob spejjeż kbar. Il-Knisja kif kienet ma kienitx maħsuba li jkollha koppla u għalhekk kellhom jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex dan il-bini seta jsir.
Dan ix-xogħol kien lest għall-ħabta tal-1650. Fl-1684 kienet lesta mill-bini l-koppla maestuza ta' din il-Knisja. Xogħol l-arkitett Malti Lorenzo Gafa. Din il-koppla kienet biċċa xogħol iebsa meta tqis li l-pilastri li nbniet fuqhom ma' kienux maħsuba biex jerfgħu dak il-piz ta' koppla iżda Gafa ħaseb biex issaħħahom u jagħmilhom ta' min jafdahom b'dak il-piż fuqhom. Sistema oħra li addatta Gafa fuq din il-koppla kienet li jagħmlilha twieqi kbar ħafna biex iħaffef il-piż. Din kienet sistema ġdida fil-bini tal-koppli għax sa dak iz-zmien koppla kien ikollha twieqi zgħar ħafna jew xejn. Għalhekk nistgħu ngħidu li din il-koppla tal-Knisja ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi fetħet it-triq għal xogħlijiet oħrajn li saru warajha. Il-Knisja ġiet solennament konsagrata fis-6 ta Mejju 1731 mill-Isqof Alferan de Buzzan. L-istil li mibnija fuqu huwa dak Doriku u fiha kor, zewg kappelluni u korsija bin-navi fil-ġnub. Fiha nsibu erbatax -il artal. Fl-1900 inbena il-kor mill-ġdid u fl-1923 kien lest ix-xogħol ta' tibdil fin-navi. Dan ix-xoghol sar taħt id-direzzjoni ta' Ġorġ Pulis minn Ħal Qormi. Fortunatament l-artali tal-kappelluni ma' ntmissux u għalhekk dan ix-xogħol barokk verament sabiħ irnexxielu jsalva.
Matul iż-żminijiet, din il-Knisja ġiet mżejna b'ħafna titli. Sa mill-1571 meta saret Matriċi wara li mill-parroċċa kienet ħarġet dik ta' Porto Salvo, San Duminku l-Belt Valletta. Tajjeb li nsemmu l-parroċċi li ħarġu direttament mill-parroċċa ta' San Ġorġ, li huma: Madonna tal-Portu Salvu / San Pawl / Madonna ta' Damasku (tal-Griegi) - Belt Valletta, San Gejtanu Ħamrun, Trinità Marsa, Santa Venera (parti), San Bastjan Ħal Qormi. Minn dawn il-parroċċi, ħarġu parroċċi oħra li huma: San Publiju Florjana, Marija Reġina Marsa, Kunċizzjoni Ħamrun, Madonna ta' Fatima tal-Pietà, Santu Wistin Valletta u l-madonna tal-Karmnu Fleur de Lys. B'hekk il-Knisja ta' San Ġorġ antika u Omm, ġiet msejħa Arċimatriċi. Fl-1953, il-knisja ingħatat id-dinjità ta' Arċipretali. Fil-Festa ta' San Ġorġ tal-2019, l-Arcisqof ta' Malta Charles J. Scicluna, għolla l-Knisja għad-dinjita ta' Kolleġġjata biex b'hekk issa għandha t-titlu ta' Kolleġġjata, Arċipretali u Arċimatriċi. Kif ukoll, kien ifisser il-bidu tal-Kapitlu Ġorġjan. Kapitlu li jħaddan fih Kanonċi li jaqaw taħt l-isem ta' San Ġorġ u saru ukoll il-Mazza u l-Virga. Unur mistħoqq għal din il-Knisja bi storja kbira.
Pitturi fil-Knisja
Mal-mogħdija taż-żmien din il-Knisja akkumulat fiha bosta opri artistiċi li jkompli jżejnuha. Fost dawn it-teżori nsibu x-xogħol tal-pittura. Ewlieni fost il-pittura huwa l-kwadru titulari fejn naraw xena mill-martirju ta' San Ġorġ. Dan il-kwadru flimkien ma' ieħor li juri xbiha tal-Missier Etern huma xogħol tal-pittur Kalabriż Matia Preti. Dan kien l-istess pittur li pitter is-saqaf tal-Knisja konventwali ta' San Ġwann fil-Belt Valletta. Żewġ kwadri oħra huma dawk li naraw fil-kor fejn naraw xeni mill-ħajja ta' San Ġorġ wieħed juri lill-qaddis quddiem Dejoklezjanu u l-ieħor lill-qaddis fit-tempju ta' Appollo. Dawn huma xogħol pittur Pietru Pawl Caruana li kien pittirhom fl-1843 u kien tħallsu mill-Kjeriku Pawl Xuereb.
Il-pittura tal-arzella li turi l-glorja ta' San Ġorġ hija xogħol sabiħ ferm ta' Guzeppi Cali li pittirha fl-1905. Guzeppi Briffa pitter il-kopla minn ġewwa fejn ħadem biċċa xogħol mill-isbaħ li turi lil San Ġorġ, San Pawl u Sant Agata jinterċedu għall-Maltin fl-assedju tal-1429 meta skond it-tradizzjoni kienet l-għajnuna Divina li ħelset lil Malta mill-jasar. Fil-lunetti tal-koppla, Briffa pitter erba qaddisin li kollha kitbu fuq San Ġorġ. Dan ix-xogħol kien tbierek mill-Isqof Galea fis-27 ta Marzu 1938.
Fost xogħlijiet oħrajn ta' pittura li nsibu fil-Knisja ta' San Ġorġ, nsibu bosta pitturi sbieħ li jinsab kustodita fil-mużew li din il-Knisja għandha bħala kwadri tal-Purifikazzjoni tal-Madonna u l-Madonna taċ-Ċintura, Santa Margerita ta' Kortona u l-Via Sagra kollha xogħol Frangisku Zahra. Stefano Eraldi pitter il-kwadru il-qadim tal-Madonna tal-Grazzja. Il-kwadru l-qadim ta' Sant Andrija pittru Filippu Dingli, filwaqt li dak li naraw illum pittru Guze Duca li ħadem ukoll il-Madonna tal-Grazzja u l-Madonna tac-Cintura li llum insibu fuq l-artali tagħhom. Anton Falzon pitter il-kwadru ta' San Pawl. Il-kwadri ta' Santa Tereza u Santa Katerina ta' Siena pittirhom Guzeppi Bonnici, filwaqt li Guzeppi Cali pitter il-kwadru ta' San Ġużepp. Kwadru ieħor huwa tal-Madonna tar-Rużarju li l-pittur tiegħu mhux magħruf iżda jidher li kien artist tajjeb ħafna. Il-kwadru ta' San Franġisk pittru Envin Cremona. It-Titular tal-Gandlora (preżentazzjoni ta' Ġesu fit-tempju) huwa attribwit lil Frangisku Zahra, ħaġa li mhux provata. Kwadrett ċkejken li juri s-Santissimu Sagrament hu attribwit lil Frangisku Zahra wkoll. San Mikiel hija pittura ta' Karmenu Galea li ħadet post waħda importanti ħafna ta' Frangisku Zahra li llum tinsab f'kollezzjoni privata. F'din il-Knisja nsibu kwadru importanti li jirrappreżenta lil Marijna Addolorata. Dan huwa kwadru medjovali importanti mahdum fuq stil Bizantin u jingħad li fil-qedem kien minflok it-titular fuq l-artal maggur. Fiz-zmien kellu wkoll żewġ tebqat fuq il-ġnub li bihom kien jifforma Tritiku. Fuq dawn it-tebqat li għadom jeżistu fil-mużew, jinsabu mpittra San Ġorġ fuq il-lemin u fuq l-ieħor tax-xellug naraw lil San Girgor Papa flimkien ma' personaġġ ieħor, li skond kitbiet antiki tista tkun Santa Venera Vergni u Martri.
Vari Artistiċi fil-Knisja
F'din il-Knisja nsibu wkoll numru sabiħ ta' vari li jvarjaw minn vari tal-injam għal dawk tal-kartapesta. Ta' min insemmu s-sett vari tal-passjoni li fihom ħadmu ħafna artisti lokali bħal Karlu Darmanin, Glormu Dingli, Kalcidon Mangion u Alfred Camilleri Cauchi. Uħud minn dawn il-vari nħadmu f'Bari l-Italja minn Salvatore Bruno. Karlu Darmanin ħadem ukoll f'din il-Knisja l-vara tal-Madonna tar-Rużarju, il-Kunċizzjoni, Santa Konsolata u l-Anġlu tal-Blandun. Il-Vara ta' San Franġisk ta' Assisi nħadmet minn Censu Cremona, filwaqt li San Mikiel inħadem fl-injam mill-iskultur Pietru Pawl Azzopardi fl-1865. Il-vara ta' San Ġużepp, xogħol fl-injam, inġiebet minn Bolzano fl-Italja. Minn Ruma nġiebet il-vara tal-Madonna taċ-Ċintura li hija xogħol fil-karta pesta. Il-vara titulari ta' San Ġorġ hija xogħol tal-iskultur Qormi Pietru Felici u kienet iżżanżnet fil-festa ta' nhar it-23 ta' April 1741. Din il-vara flimkien ma' dik ta' San Nikola tas-Siġġiewi nħadmu mill-istess skultur u dawn huma l-ewwel żewġ vari proċessjonali ta' qaddisin titulari li jinsabu fi Knejjes parrokkjali li nħadmu f'Malta.
Restawr tal-Knisja
Mas-snin, il-Qriema ħassew il-ħtiega li jagħmlu xogħol ta' restawr estensiv fuq din il-Knisja. Ix-xogħol kien jikkonsisti fuq struttura u xogħol ieħor fuq pittura, sistema ta' elettriku u ħafna xogħol li meta jkollok bini ta' ċertu żmien ikollu bżonn ċertu manutenzjoni. Kienu ħafna dawk li taw sehemhom anke fuq bazi volontarja biex seta jsir dan ix-xogħol. Bħala partri mir-restawr ukoll, fil-Knisja ġew magħmulha opri ġodda li huma disinjij tal-Brozz fuq l-Artar Maggur kif ukoll disinjij u pittura fil-korsijja. Ġiet inawgurata ukoll Qanpiena ġdida bl-isem Ġorġa, li hija l-ikbar qanpiena tal-Knisja kif ukoll ta' Ħal Qormi.
Matul il-jiem tal-festa, wieħed ikun jista jammira bosta teżori artistici li jkunu jonoraw din il-Knisja bħal xogħol tal-fidda, paramenti sagri, apparat tal-festa, id-damask, il-lineff tal-kristall u opri oħrajn li l-Knisja ta' San Ġorġ ta' Ħal Qormi akkumulat mal-mogħdija taż-żmien.