top of page
Il-Qabar ta' San Ġorġ

Il-Qabar u Relikwi ta' San Ġorġ

Il-Qabar Ta' San Ġorġ.

 

Il-qabar ta' San Ġorġ jinsab f'Lydda (illum) Lod f'Israel. Dan Il-Qabar imbena fuq il-post fejn it-tribun ruman Ġorġ Anici ha l-martitju u ġie midfun hemm fis-Sena 303 wara Kristu. L-għadam tiegħu tneħħa minn hemm pero' fl-1871, il-qabar tiegħu ġie restawrat u ġiet imnaqqxa f'irħam Alto Reliev ta' San Ġorġ li tixbaħ il-istatwa titulari ta' San Ġorġ li tinsab fil-parroċċa tagħna.

 

Ir-Relikwi ta San Ġorġ Martri.

 

L-ewwel relikwa ta' San Ġorġ li ħarġet minn Lidda kienet ir-ras tiegħu. Skond il-Bollandisti, dan sar minn Santa Elena li bagħtitha Ruma, u għalhekk kien minn Ruma, li bdiet id-devozzjoni lejn San Ġorġ fil-Punnet.  Skond Saxo, analista ta' min jorbot fuqu, l-Papa Zakkarija madwar is-sena 750 kien sab dir-ras fl-Oratorju ewlieni tal-Bażilka Laterana. Dan l-Oratorju kien iddedikat lil San Lawrenz u msejjaħ Sancta Sanctorum, preċiżament minħabba l-għadd kbir ta' relikwi li kien hemm. Skond il-bibliotekarju Anastasio, ma dir-ras kien hemm ħafna relikwi oħra li ma kienux ta' San Ġorġ.  Kif instabet dir-ras ta' San Ġorġ, itarrfilna Bartolini. Il-Papa Zakkarija, li kien qed jgħarbel dawk ir-relikwi kollha sab li mar-ras kien hemm kitba biex turi li kienet ta' San Ġorġ.  Il-Papa Zakkarija feraħ fuq li feraħ b'dik is-sejba u ħass li kellu jaqsam dak il-ferħ ma ħaddieħor. Għalhekk f'jum preċiż stieden lil kulħadd, kleru u poplu, fl-ArciBażilka tal-Lateran biex f'purċissjoni sollenni jġorru ras San Ġorġ għal Knisja oħra li wara saret Bażilka San Giorgo in Velabro. Għalhekk din kienet l-ewwel Knisja fil-punent iddedikata lil San Ġorġ u wkoll l-ewwel tarġa biex id-devozzjoni lejn San Ġorġ xterdet mal-Punent kollu. Hekk kif bdiet tinxtered id-devozzjoni lejn San Ġorġ, bċejjeċ minn ġismu bdew iqassmuhom l'hemm u l'hawn għall-qima. Issa, fl-istess żmien ta' dit-traslazzjoni f'Ruma, il-Papa Zakkarija ta' biċċa mix-xedaq tisfel lil xi devoti tal-Qaddis. Dan, skond il-Bollandista papebrochiu u l-Kardinal Bartolini.    

 

Ir-Relikwi ta' San Ġorġ f'Malta u Għawdex.   

 

ĦAL QORMI

Fil-Kolleġġjata ta' Ħal Qormi tinsab għadma kbira li aktarx torbot l-ispalla mal-għonq. Din ir-relikwa ġiet mogħtija minn Dun Salv Kalcidon Souchett wara li kien ġabha minn Ruma fis-sena 1839. Illum din ir-relikwa tinsab fostensorju sabieħ. Insibu wkoll relikwa oħra li fiha biċċtejn għadmiet tal-Qaddis kif ukoll biċċa mill-standard aħmar u isfar ta' San Ġorġ li kien inġieb minn Ruma mill-Bażilka al Velabro.

 

RABAT GĦAWDEX

Ir-relikwi ta San Ġorġ li jinsabu fir-Rabat Għawdex fil-Bażika ta' San Ġorġ huma biċċa kustilja li toħrog fil-purċissjoni tal-festa tal-Qaddis u biċċa oħra żgħira minn kustilja kif ukoll biċċa mill-bandiera tiegħu li qiegħda f'relikwarju still gotiku u tkun sponuta fuq il-bradella ta l-istatwa titulari, Meta nfetħet it-terka tar-relikwarju antik biex sar ieħor iktar prezzjuż, instab frak ta' għadam li wara dan tpoġġa flimkien ma' relikwi ta' żewġ Qaddisin oħra fil-qabar tal-artal tal-kor.  

SAN GWANN-RABAT MALTA

Meta l-kavallieri ta' San Ġwann wasslu Malta, kellhom magħhom relikwa ta' San Ġorġ li kienet biċċa min-drieħ u qiegħduha f'waħda mit-tliet Knejjes li kienu jinsabu fil-gżira. Finniccharo isemmi li fil-Knisja ta' San Pawl ir-Rabat, tinsab biċċa mill-istandard ta' San Ġorġ.   

 

12 ta' Lulju 1984 - F'Dan Il-jum tal-Ħamis waslet f'Malta mill-Bażilka al Velabro f'Ruma, ir-Relikwa Insinji li hija l-qorriegħa ta' San Ġorġ. Kienet waslet Għawdex għal festi ċentinarji ta' Glorija ta' San Ġorġ.

14-20 ta' Lulju 2014 - Minn Venezja l-Italja, nġiebet ir-relikwa insinji tad-driegħ ta’ San Ġorġ Martri għall-okkażżjoni tal-175 anniversarju tal-ewwel statwa titulari f'Għawdex. Mal-wassla, r-relikwa marret l-ewwel fil-Parroċċa ta' San Ġorġ Martri f'Ħal Qormi fejn kienet esposta ġewwa l-Kolleġġjata  għal jumejn. Ġew organizatti diversi attivitajiet fosthom pellegrinaġġ mat-toroq ta' Ħal Qormi, quddies u velji ta' talb.  Wara umbagħad marret fil-gżira Għawdxija fejn l-Isqof t’Għawdex Mario Grech mexxa Velja Ekumenika Solenni waqt din iż-żjara. Ir-relikwa żaret ukoll f'Għawdex ir-Rotunda tax-Xewkija, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, kunventi reliġjużi u djar tal-morda u l-anzjani, filwaqt li kienet esposta fil-Bażilika ta’ San Ġorġ ir-Rabat, fil-knejjes ta’ San Franġisk, tar-Ragħaj it-Tajjeb u Santu Wistin.
 

Copyright © 2009 by Daniel Pullicino created with Wix.com

bottom of page