
Il-Vara Titulari ta' San Ġorġ
L-użu tal-vari fil-festi żviluppa f'pajjiżna lejn is-seklu sittax u nsibu l-ewwel vari fl-ewwel purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira fir-Rabat, Malta. Xterrdu dawn il-purċissjonijiet fosthom f'Ħal Qormi f'data li ma nafuhiex u daħal ukoll l-użu tal-vari fil-festi titulari u f'oħrajn bħal purċissjonijiet tal-Madonna tar-Rużarju. Fis-seklu sbattax diġa kellna l-magħrufa statwa ta' San Pawl li saret minn Melkjorre Gafa. Żdiedu oħrajn, bil-mod ħafna għall-ewwel, inkluż manikin imlibbes ta' San Nikola fis-Siġġiewi. F'Ħal Qormi konna fost tal-ewwel li kellna vara titulari, dik ta' San Ġorġ fis-seklu tmintax.
PIETRU FELICI L-ISKULTUR TAL-VARA TA SAN ĠORĠ
"Tafu għaliex l-istatwa ta' San Ġorġ hija tant sabiħa? Għax saret minn qalb Qormi!"
(Dun Pawl Attard 22 ta' Ġunju 1981)
Pietru Felici twieled Ħal Qormi nhar 22 ta' Diċembru 1669, iben ġenituri li tnejn kienu wkoll Qormin: Wistin Felici u Grazzja Mallia li żżewgu fil-Knisja parrokjali ta' San Ġorġ nhar it-28 ta Frar, 1666. Maż-żwieġ tagħhom kellhom ħamest itfal. Pietru ġie mgħammed fil-Knisja ta' San Ġorġ. Wara l-mewt ta' ommu fl-eta ta' 29, Missieru żżewweġ oħra u erħewlha lejn l-Isla. Fl-Isla kien hemm jgħix Anton Zahra li kien wieħed mill-aħjar esponenti li kellha Malta dak iz-zmien fl-iskultura tal-ġebla. Pietru miet fis-27 ta Frar 1743, fl-eta ta 73 sena.
XOGĦLIJIET
"O bravu Pietru Feliċi, x'kellu joħroġ minn taħt idejk. B'din l-istatwa ta' San Ġorġ Martri lill-poplu Qormi int Hennejt"
Fil-misraħ ewlieni tas-Siġġiewi, hemm statwa tal-ġebel li tirrapreżenta lil San Nikola, saret fl-1732 u li hija attribwita lil Pietru Felici. Jidher biċ-ċar li f'dokument ieħor insibu li Pietru skolpixxa l-vara proċessjonali u titulari ta' raħal twelidu, l-vara ta' San Ġorġ. Dan iwaqqa għal kollox ix-xniħat li saru, li San Ġorġ ġie magħmul minn Melkjorre Gafa. Juri wkoll li x-xogħol fuq l-istatwa beda fit-18 ta Lulju 1738, li għaliha tħallas 110 skud għal xogħlu u 40 skud oħra għall-erba anġli li hemm fuq il-pedestall. Skond Joseph Attard, instab ukoll lit-tip ta' njam li uża l-iskultur huwa l-ulmu. Nimmaġinaw li Pietru kellu bzonn diversi drabi jsinn l-isgorbi tiegħu. Meta nitfgħu ħarsitna lejn it-Titulari parrokjali jidher li Pietru Felici hu l-ewwel artist Malti li ħadem f'art twelidu, l-ewwel żewġ statwi proċessjonali ta' Qaddisin titulari għal żewġ Knejjes parrokjali Maltin, San Nikola u San Ġorġ. Fil-fatt, ix-xogħolijiet magħrufin ta' Felici juru espressjoni matura ta' skultura tipikament barokka li kienet fl-aqwa tagħha f'dawk iż-żminijiet.
IL-VARA TA' SAN ĠORĠ
"Fi xbihatek il-ġmiel u l-qlubija, biex nisġithom hawn fl-art l-anġli ġiet, sawbet dehna f'moħħ Pietru Feliċi, biex fik ġabar tas-sema l-ħlewwiet"
(Dun Pawl Genovese - silta mill-Innu Marċ Ġorġi tagħna)
Nhar it-23 ta' April 1741, jum li ħabit il-Ħadd, ħarget għall-ewwel darba proċessjonalment il-vara titulari ta' San Ġorġ mill-Knisja parrokjali ta' Ħal Qormi. Din l-informazzjoni jagħtihielna l-Kapillan ta' dak iż-żmien, Dun Ġużepp Vella, f'pagna f'wiehed mir-reġistri parrokjali fejn kompla żied li hu stess, bil-permess tal-Isqof Fra Pawl Alpherand de Bussan, kien berikha fil-jum ta' qabel f'ċerimonja li saret wara quddiesa u li għaliha attenda l-poplu Qormi.
Il-pedestall innifsu skolpih mgħallem ieħor indikat bħala Maestro Anastasio li miet ftit wara li spiċċa x-xogħol. Sentejn wara li żżanżnet il-vara, jiġifieri fl-1743, saret niċċa li qamet 22 skud u 6 tari, fuq disinn tal-Imgħallem Bormliż Abram Gatt iżda x-xogħol tal-Kawba nħadem minn ebanista mill-Birgu, Vincenso Vassallo, filwaqt li x-xogħol ta' skultura u ntarzjar ħareġ mill-idejn kapaċi ta' Manwel Buhagiar, mill-Birgu wkoll. L-ispejjez tħallsu mill-ġbir fost il-Qormin. Fin-niċċa oriġinali, daz-zmien titqiegħed il-vara ta' San Mikiel Arkanġlu.
PJAN
M'hemm ebda dubju li biex saret din il-vara kellu jintalab permess mingħand l-isqof. X'aktarx li kollox sar bil-fomm għax la nstabet talba biex issir il-vara u l-anqas il-permess. Jidher fil-fatt, li t-tiswir tal-vara titulari kienet waħda mill-opri li l-Kappillan Ġużepp Vella ried li jiġu mwettqa biex iżejjen aħjar il-Knisja parrokjali, il-funzjonijiet liturġiċi u wkoll il-purċissjoni titulari.
Ma jidhirx li kienet issir purċissjoni fil-festa tat-titular, almenu sal-1729, għax dan l-avveniment ma' jissemmiex fil-Visti Pastorali. Min-naħa l-oħra jissemmew żewġ għosrien bil-kant, quddiesa solenni bil-mużika u l-paniġierku. Iżda issa li kienet ser issir il-vara titulari, saru preparamenti xierqa wkoll miż-żewg fratellanzi tas-Santissmu Sagrament u tar-Rużarju, li t-tnejn għamlu standardi ġodda, fl-1740 u fl-1739 rispettivament.
ŻVILUPPI ĠODDA
Għaddew 'il fuq minn 140 sena, u ma jidhirx li kien hemm xi zviluppi ġodda rigward l-istatwa titulari ta' San Ġorġ qabel qrobna lejn tmiem is-seklu dsattax. Li l-festa kompliet tikber hu fatt u dan jixħduh rapporti fl-istampa lokali li jitkellmu dwar baned, nar u opri ġodda li żżanżnu fil-Knisja parrokjali. Saru diversi opri bħat-terħa tal-artal maġġur fl-1885 u s-sopraporta fl-1893 fil-Knisja, u fit-toroq saru l-palk il-ġdid tal-banda fl-1884 u l-istatwi tal-ġenituri ta' San Ġorġ fl-1895.
MEWĠA TA' BIDLA
Jidher li lejn tmiem is-seklu dsatax tqajjem movement kontra l-arti barokka, favur li ssir vara ġdida flok l-opra ta' Feliċi. F'ittra f'ġurnal lokali fl-1883, korrispondent anonimu f'aħħar lill-prokoratur Dun Ġużepp Mifsud għall-hafna opri li wettaq iżda talbu jibdel l-istatwa titulari ta' San Ġorġ. Il-korrispondent kien tal-fehma li l-istatwa l-qadima tiġi preservata fin-niċċa tagħha u ssir oħra aħjar, bħall-figura ta' San Ġorġ li hemm fil-pittura tal-kor, liebes libsa ta' Ruman b'salib f'idu il-leminija, pittura neo-klassika li wettaq Pietru Pawl Caruana fl-1843.
X'gara wara eżatt ma nafux. Dun Salv Sammut li miet fl-1951 kien jgħid li dawn kienu biss xnigħat, għalkemm xi nies riedu l-bdil tal-vara umbagħad raw li aħjar jirranġaw dik li hemm. Sitt snin wara ix-xnigħat, jidher li l-vara l-ġdida ta' Valenti inġiebet Malta imma qatt ma waslet Ħal Qormi. Is-saċerdot Dun Anton Cachia, li miet fl-1945 kien jgħid li x-xogħol ta' Valenti inħatt ix-xatt u nfetaħ hemm. Ix-xogħol deher li ma' ntogħġobx u ntbagħat lura Palermo. Skond Dun Anton, kienu ħadu parir mingħand Karlu Darmanin li sab xi difetti li kissru l-ftehim li sar fuq il-buzzett. Nassumu li din l-istatwa kienet tirrapreżenta l-figura ta' San Ġorġ bis-salib fidu bħall-pittura tal-kor bħalma kien propost sitt snin qabel.
MODIFIKAZZJONI FIL-VARA TITULARI
Bħalma diġa rajna, il-vara ta' San Ġorġ ma' tbiddlitx fl-1889. Iżda sitt snin wara, sarulha xi modifikazzjonijiet li biddlu xi ftit l-opra oriġinali ta' Pietru Felici. Rapport fl-istampa lokali jgħatina idea ċara ta' x'ġara fl-1895;
"Din is-sena min imur sa Ħal Qormi, li taħbat nhar it-Tnejn u t-Tlieta li ġejjin, 22 u 23 t'April, jieħu bla dubju pjaċir jara dik il-famuża statwa kif issa ġiet irranġata, li bejn l-iskultura, induratura, pittura, bradella u kaxxa ta' taħtha tal-kawba, intefqet somma ta' madwar mija u għoxrin lira. Kif jaf kulħadd, dik il-vara antika, li jgħidu kienet maħduma min idejn imfaħħra, kienet tidher ftit u xejn goffa, u taw kemm-il darba s-salt biex ibiddluha, li saħansitra ġiebu wkoll waħda abbuzzata minn barra, iżda l-poplu tar-raħal, li għandu wisq devozzjoni kbira lejn l-istatwa antika, ried illi kieku tissewwa mill-aħjar u ma' jbiddluha xejn. U hekk sar. F'kelma waħda Ħal Qormi għandhom issa vara famuza li tħabbatha mal-isbah vari li jinsabu hawn Malta. Għallinqas ibirkuhom il-flus li nefqu fiha, u haqqhom prosit talli għarfu jerħuha għat-tiswija f'idejn imgħallmin mill-aħjar bħalma huma l-iskultur Bugeja, induratur Gauci, u l-famuż pittur Cali".
L-erba anġli zgħar, li qegħdin fuq il-mensoli tal-pedistall, ma kellhomx, bhalma ghandhom illum, skrizzjoni f'idejhom. Minflok kellhom il-ġilju, bukkett tal-ward, il-frott u fjamma tan-nar li kienu jfissru s-safa, il-fwieħa tal-qdusija, it-tjieba u ż-żelu għar-religjon Nisranija rispettivament.
Il-Modifiki fl-istatwa saru fi-xar, fil-mantell u fl-elmu filwaqt li lid-dragun tawh par ġwienaħ li kienu neqsin fl-oriġinal. Iċċekken xi ftit mill-wisa tieghu, u l-pedestall. L-ahhar darba li ġie indurat il-pedistall kien fl-1976 minn Manwel Farrugia fuq l-inizzjattiva tal-Arċipriet Dun Gelard Frendo. Fl-1984 minħabba makkjatura, il-karnaġġjon tal-wiċċ reġa nżebaħ minn Alfred Camilleri Cauchi.
XEBĦ
Hawn min jaħseb li l-vara ta' San Ġorġ, kif skolpieha l-iskultur Feliċi, mhix għal kollox unika fis-sens li f'Malta teżisti statwa tixbagħha ħafna, dik tal-ġebel li tirrapreżenta lil San Ġwann Battista u li qiegħda fl-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt. Ħarsa lejn din l-istatwa, iġġiegħlek taħseb li kemm hi u kemm il-vara ta' San Ġorġ ħarġu mill-istess id. Iżda nota mwaħħla mal-bieb tal-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tgħidilna li din l-istatwa, li qiegħda fuq ix-xellug tal-artal, hi opra ta' skultur li jġib l-isem ta' Bartholomeo Danvillo li ħadem ukoll l-istatwi l-oħra li hemm fl-istess post. Dan Danvillo x'aktarx kien Sqalli li emigra u ħadem f'Malta. Tajjeb inżommu f'moħna li kemm Felici kif ukoll Danvillo kienu skulturi lokali iġifieri ħadd minnhom ma' kien magħruf barra Gżiritna. Seta għalhekk, dawn iż-żewġ skulturi kellhom l-istess sors ta' ispirazzjoni u kif ġara fl-istatwa tal-Madonna ta' Ħaż Zebbuġ, Feliċi skolpa fuq disinn ta' ħaddieħor.
Riċerkaturri sabu li dawn iż-żewġ statwi, b'mod dirett jew indirett, inħadmu fuq il-figura ta' Martri li oriġinarjament tfassal minn Melkjorre Gafa u li llum tinsab fil-Mużew tal-Arti, ġewwa l-Belt Valletta.
PALMA, ĦAĠAR PREZZJUŻ, DIJADEMA U SANDLI
"Sandli, Palma u Dijadema, tad-deheb dawn il-qlub offrew, inlibsuwomlok f'jum il-festa, biex ma' Malta jitgawdew"
Fl-1939, fi żmien il-Kappillan Dun Anton Vella (Aktar tard Arċipriet u Monsinjur), inbidlet il-palma oriġinali u saret oħra aktar rikka tad-deheb. Din turi fergħa ta' palma bi tliet kuruni mdaħħlin fiha, simbolu tal-MegaloMartri. Parti mid-deheb użat kien minn diversi oġġetti, bħall-imsielet li taw il-parruċċani. Nhar is-16 ta' April 1939, il-palma l-ġdida tbierket mill-Isqof Dom Mawru Caruana OSB. Ġiet indurata wkoll id-dijadema. Dik is-sena il-festa saret fil-21 ta Mejju.
Lejn tmiem il-parrokat tal-Arċipriet Vella (1934-1955), fl-1953 ġie ċċelebrat it-33 ċinkwantinarju mill-mewt ta' San Ġorġ li seħħet fis-sena 303 W.K. Qisu biex issir bħal tħejjija għal din iċ-ċelebrazzjoni, fl-1951 żdietet opra oħra fil-vara titulari li kienet tikkonsiti fi twaħħil ta' disa ħaġriet prezzjuzi: tliet topazji, tliet eżmeraldi u tliet rubini. Tqieghdu tliet hagriet fuq kull sandli u tlieta ohra maċ-ċinta tal-għonq tal-korazza flimkien ma' numru ta' djamanti fiċ-ċintorin tal-qadd.
Fl-1957, fil-parrokat tal-Arċipriet Dun Gerard Frendo, aktar tard Monsinjur, iżżanżnet id-dijadema tad-deheb li tintuża fil-jiem tal-festa. Id-disinn hu ta' Manwel Buhagiar u l-ispejjes tħallsu mis-Sinjur C. Borg u mis-Sinjorina C. Camilleri. It-tberik sar nhar il-Ħadd, 26 ta Mejju. L-ewwel sar marċ mill-Banda San Ġorġ Martri u mbagħad, fuq iz-zuntier, sar diskors tal-okkażjoni mill-avukat Ġorġ Żammit. Iċ-ċerimonja tat-tberik saret minn Monsinjur Carmelo Sammut li fl-istess sena, ħalla fit-testment tiegħu s-salib pettorali tad-deheb biex jitlibbes mal-għonq il-vara.
B'digriet tat-30 ta Jannar 1991, il-kurja Arċiveskovili ta' Malta laqgħet talba mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri, magħmula permezz tal-Arċipriet il-Kanonku Dun Karm Aquilina, biex isir sandli tad-deheb għall-istatwa ta' San Ġorġ fl-okkazjoni ta' egħluq il-250 sena minn meta żżanżnet din il-vara titulari. Ix-xoghol, f'deheb ta' 22 karat ġie fdat f'idejn l-arġentier Louis Carabott tal-Marsa wara li l-iskultur Alfred Camilleri Caughi ha forma ta' riġlejn l-istatwa. Iċ-ċerimonja ta' inawgurazzjoni u t-tberik ta' din l-opra ġdida saret is-Sibt 22 ta' gunju 1991 waqt serata muziko-letterarja.
BANKUN, BRADELLA U FORĊINI
Meta fl-1895 saru modifiki fil-vara titulari, iżżanżnu wkoll bankun u bradella tal-kawba li baqgħu jintużaw eżattament 90 sena, jiġifieri sal-1985, meta posthom ittieħed mill-opra artistika li hi wżata llum il-ġurnata. Kien it-12 ta' Ġunju 1981 meta l-Arċipriet Dun Pawl Attard ippreżenta rikors il-Kurja biex isiru bankun u bradella ġodda fuq disinn tas-sur Frans Treeby Decelis. Il-proġett ġie approvat fit-18 ta Awissu 1982 u tbierek nhar il-Ħadd 23 ta' Ġunju 1985 mill-Arċipriet Dun Edgar Attard. L-għada tqiegħdet fuqu l-istatwa titulari ta' San Ġorġ u l-bradella ntużat proċessjonalment l-ewwel darba fit-30 ta Ġunju 1985. Fin-nofs tal-erba faccati tal-bankun hemm erba panewijiet tal-bronż, li jirrappreżentaw lill-San Ġorġ waqt il-martirju tiegħu, San Ġorġ in Gloria, Papiet u Ditturi li kitbu fuq San Ġorġ, u l-qima mogħtija lil San Ġorġ mill-ġnus. L-erba kantunieri huma mżejna b'erba' rappreżentazzjonijiet li spikkaw fil-ħajja nisranija ta' San Ġorġ li huma, l-Fortitudni, il-Fidi, it-Tama, u l-Imħabba. Il-mudelli u l-panewijiet saru mill-idejn l-iskultur Alfred Camilleri Cauchi. Ix-xogħol tal-injam tal-ġewz sar minn żewġ imgħallmin Qormin, Ġużeppi Curmi u Ġorġ Debono. L-Intarzjar fl-injam sar mill-istess disinjatur, Frans Treeby Decelis, filwaqt li l-iskultura fl-injam hi xogħol l-imgħallem skultur Salvatore Bugeja. Imgħallem Qormi ieħor, Nazzareno Darmanin ħa ħsieb ix-xogħol tal-ostru u m'aċċettax ħlas ta' xogħlu. Fil-festa tal-1987, iżżanżnu sett furċini ġodda biex jikkumplimentaw il-bankun u l-bradella. Sentejn wara iżżanżan il-bankun tal-furcini, li nħadem mill-imgħallem Ġorġ Debono filwaqt li l-iskultura fl-injam u d-disinn saru mill-iskultur Salvatore Bugeja.
PURĊISSJONIJIET
Fit-23 ta' April 1741 li kif diġa għidna ħabat il-Ħadd, inħarġet għall-ewwel darba il-vara ta' San Ġorġ. Il-parroċċa ta' San Ġorġ iċċelebrat il-250 anniversarju tal-vara titulari fl-1991. Ma jfissirx li l-vara sal-2007 inħarget 266 darba għax fi żmien kriżijiet nazzjonali bħal ngħidu aħna, fi żmien l-Imblokk tal-Franċiżi u t-Tieni Gwerra Dinjija, festi ta' barra ma sarux filwaqt li l-vara ġieli ħarġet aktar minn darba f'xi okkażjonijiet oħra bħal l-erba pellegrinaġġi lejn is-santwarju tal-Madonna tal-Ħlas li saru fl-1850, fl-1854 u fl-1870 minħabba l-mard tal-kolera u nuqqas ta' xita u fit-22 ta' April 2003 biex ifakkar is-sbattax -il mitt sena mill-martirju ta' San Ġorġ. Fl-24 ta' April 2016 sar pellegrinaġġ fl-okkażżjoni tal-275 sena vara titulari fejn l-istatwa għaddiet mill-Parroċċa ta' San Sebastjan sal-Kamra tan-Nar tal-Għaqda 23 t'April.
PROĠETT TA' RESTAWR U KONSERVAZZJONI
Matul is-snin, kif semmejna iktar qabel, saru xi interventi fuq il-Vara. Bl-aħħar wieħed kien dak tal-2014/2015 meta għall-okkażżjoni tal-275 sena mill-miġja tal-vara titulari, sar proġett ta' Restawr u konservazzjoni fuq l-vara titulari, l-pedestall kif ukoll in-niċċa. Restawr, li kien tant bżonnjuż wara ħafna snin. Tajjeb li nsemmu l-ħsara li kienet saret mal-medda tas-snin minħabba l-karti u l-logħob tan-nar li fl-imgħoddi, tista tgħid li kien jinħaraq minn kull fejn kienet tgħaddi l-purċissjoni. Ir-restawr fuq l-induratura kemm tal-istatwa kif ukoll tal-pedestall sar min Horace Farrugia u ibnu Kevin Farrugia ġewwa l-Imdina. Ix-xogħol taż-żebgħa tal-karnaġġjon u tad-dragun sar mill-artist Aaron Camilleri Cauchi u missieru Kav. Alfred Camilleri Cauchi. Dawn ħadu ħsieb ukoll iż-żebgħa tal-puttini tal-pedestall. Il-faxex ta' idejn il-puttini u l-fidda tal-pedestall saru mid-ditta L.S.C. Metal Finishing ta' Ħal Qormi. l-Arġentier William Montebello ħa ħsieb li jnaddaf il-ħaġar prezzjuz tal-istatwa kif ukoll ħadem bukkin tad-deheb għall-palma. In-niċċa sarilha xogħol kbir ukoll. Ġiet trattata kontra s-susa, inbidlet is-sistema ta’ kif toħroġ u tiddaħħal l-istatwa ġewwa fiha. Issa l-bieba ta’ quddiem ma hemmx għalfejn titneħħa aktar bħalma kien isir qabel, bid-dannu li kienet issir bosta ħsara. Saru l-bsaten u l-biċċiet tal-iskultura li kien hemm neqsin u fuq kollox ingħata lostru tat-tajjara ġdid mingħajr ma tneħħa dak oriġinali. Dan ix-xogħol kien afdat f’ idejn ir-restawratur Joseph Galdes. Ix-xogħol tal-bdil tas-sistema tal-ħruġ u d-dħul tal-istatwa sar minn George Debono u ibnu Silvio Debono, filwaqt li x-xogħol tal-ħadid li sar biex in-niċċa ssir fuq ir-roti sar minn Carmelo Scerri. It-tberik ta’ dan ir-restawr sar is-Sibt, 20 ta’ Ġunju, 2015 fuq iz-zuntier tal-knisja Kolleġġjata, Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Għal din l-okkażjoni, sar programm speċjali li fih ħadu sehem iż-żewġ baned tal-parroċċa, l-Banda San Ġorġ Martri u l-Banda Anici, kif ukoll il-kor tal-parroċċa ‘Exultate Domine’. Saret rappreżentazzjoni teatrali li toħodna lura għal meta saret din l-istatwa. It-tberik kemm tan-niċċa kif ukoll tal-istatwa sar mill-Arċipriet tal-parroċċa, il-Kanonku Dun Anton Cassar.
KONKLUŻJONI
Iż-żewġ statwi, ta' San Nikola u ta' San Ġorġ, huma espressjoni tipika ta' skultura barokka li dik il-ħabta kienet fl-aqwa tagħha.. Niltaqgħu ma' għadd ta' statwi tal-Madonna tar-Ruzarju f'parroċċi f'Malta, kif ukoll xi statwi oħra. Dawn, flimkien mal-istatwi ta' San Ġorġ u San Nikola, huma d-dokumentazzjoni l-aktar antika ta' xogħol ta' skultura fl-injam ta' ċertu valur li għandna fil-knejjes tagħna u li nafu li saru f'Malta.
MONS. Prof. Vincent Borg D.D, H.E.D., Arch.Chr.L., Professur tal-Istorja tal-Knisja u Arkeologija Kristjana, Univesita ta Malta.
(Informazzjoni meħuda u addattata mill-ktieb ta' Joe Grima 'Il-Vara Titulari ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi 1741-1991')
