
Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri
Il-Banda
Fis-sena 1893, f'Malta qamet kwistjoni dwar il-legati taż-żwieg bejn l-awtoritajiet tal-Knisja ta' Malta u l-istudenti tal-Universita. Minn din it-taqliba ħarġu żewġ oppinjonijiet. Bħal nar go foresta nfirxu mal-irħula u l-ibliet kollha u kien għall-ħabta ta' Ottubru meta laqtet lil Ħal Qormi. Il-Knisja biex turi fehmitha, twebblet tagħmel l-ewwel meeting pubbliku f'Raħal l-Ifran. Għal din l-okkazjoni, stiednet lill-Banda Pinto, l-uniku banda f'dak iż-żmien f'Ħal Qormi biex tieħu sehem b'marċ. Il-Kumitat tagħha ma' qabilx, x'aktarx li ma riedx jidħol bejn il-basla u qoxritha. Iżda malajr inħolqot firda fl-Għaqda Mużikali Pinto, u nistgħu ngħidu li ħtija t'hekk twieldet il-Banda San Ġorġ Martri, fuq ħidma sfieqa tas-Sur Giuseppe Farruġia li nħatar bħala l-ewwel President flimkien ma' xi partitarji oħra Qriema. l-Għaqda Mużikali San Ġorġ M,artri, twaqqfet nhar is-7 ta Ottubru 1893.
Il-Banda l-ġdida mlaqqma Tal-Werqa kisbet popolarita kbira u isimha twaħħal mal-festi kollha fil-Gżejjer Maltin. X'aktarx li għal xi żmien, issejħet ukoll il-Banda tal-Ġużeppini, jista jkun minħabba li l-fundatur kien jismu Ġużeppi. Sintendi f'Ħal Qormi apparti fil-festa titular, bdiet tieħu sehem sħieħ ukoll fil-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, kif ukoll fil-festi sekondarji li kienu ħafna fil-Belt Pinto, fosthom dik ta' San Bastjan Martri.
Din il-Banda twaqqfet bil-għan li ssaħħah il-ġid kulturali f'Pajjiżna. M'hemmx dubju li tul is-snin għalmet u ħarġet għadd kbir ta' bandisti u mużikanti li pprovditilhom tagħlim u strumenti b'xejn. B'hekk kull tant snin ikollha tixtri diversi strumenti. Saħansitra fl-ewwel snin sa lejn is-snin sittin, bosta membri akkaniti kienu jiftiehmu joħorgu xi flus minn buthom għall-istrumentatura.
Il-Banda għamlet l-ewwel servizz tagħha nhar is-6 ta' Jannar 1894 u s-sede insab fi Triq il-Kbira, eżattament ħdejn Pjazza San Franġisk. Il-Każin magħtul is-snin sarlu xogħol ta' manutenzzjoni u tisbieħ, fosthom żewġ swali ġodda, s-Sala Abel J. Mizzi u s-sala l-Kbira. Ir-restawr tal-faċċata li sar mill-istess membri fi ħdan l-Għaqda Mużikali. Ġewwa l-Każin wieħed isib bosta rikkezzi u tifkiet ta' avvenimenti storiċi. Tajjeb li nsemmu li wieħed mill-unur li kienet ingħatat l-Għaqda kien dak ta' Banda tar-Repubblika, unur prestiġjuż li ftit huma l-Għaqdiet Mużikali f'Malta li għandhom. Fi sena 2013, saret ukoll statwa ġdida ta' San Ġorġ rebbiegħ, li tintuża waqt il-marċ nhar il-festa Litruġika.
l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri kellha ukoll servizzi barra minn Malta, dawn kienu: Reggio Calabria 1895, Siracusa 1897, Toronto 1993, Birmingham, u Reggio Calabria 2010.
Kummissjoni Żgħażagħ Werqisti
Din il-Kummissjoni fi hdan l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri tieħu ħsieb il-briju b'mod speċjali li jsir waqt il-marcijiet brijjuzi li tagħmel din il-Banda fil-festa ta' San Ġorġ. Qabel ma' ġiet imwaqqfa l-Kummisjoni Żgħażagħ Werqsiti fil-kazin kien diga' jeżisti ammont sostanzjali ta' żgħażagħ li kien jiffunzjona taħt l-isem Għaqda Dilettanti Werqisti. Dawn bdew il-ħidma tagħhom fix-xogħol tar-restawr tal-palk u wara komplew ix-xogħol tal-briju, meta ġew maħduma diversi umbrellel kbar li saħansitra waħda minnhom kienet tikkonsisti minn tnejn fuq xulxin. Fiż-żmien tal-Milied kienu jieħdu ħsieb li jarmaw it-triq tal-każin, kif ukoll kienu jorganizzaw diversi attivitajiet fosthom discos fil-bitħa tal-każin, kif ukoll il-Lejla Maltija li ssir dejjem ħmistax qabel il-festa. Dawn kienu l-bidu tas-suċċessi li bdew jiksbu ż-żgħażagħ Werqisti.
Wara tliet snin ta' din ix-xorta ta' ħidma mill-istess membri, inħasset il-ħtiega li tiġi ffurmata Kummissjoni li ħadet l-isem ta' Kummissjoni Żgħażagħ Werqisti. It-twelid tal-Kummissjoni kien propju nhar is-Sibt 19 ta' Gunju 1993, lejliet il-festa ta' San Ġorġ waqt il-programm vokali u strumentali li jittella' mill-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, meta ġie ppreżentat l-istandard uffiċjali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni Żgħażagħ Werqisti baqgħet miexja fuq il-hidma li kienet bdiet l-Għaqda Dilettanti Werqisti.
Meta l-Kumitat ra li l-Kummissjoni kienet qed timxi b'serjeta' kbira, ħass li għandu jaħtar rappreżentant tagħha fil-Kumitat. Minn hawnhekk il-Kummissjoni saret responsabbli mhux biss għall-briju imma ma' dak kollu li għandu x'jaqsam maż-żgħażagħ fil-Każin. Il-Kummissjoni bdiet tieħu sehem ukoll fil-laqgħat li kienu jsiru mill-organizzaturi tal-festa. Matul is-snin il-Kummissjoni Zghazagh Werqisti bdiet tidhol sew fil-qalb tal-partitarji Werqisti u b'hekk bdiet tinkludi ruhha fil-għall-programm tal-festa. Din il-kummissjoni kienet l-ewwel kummissjoni f'Malta li ntroduċiet il-gerijiet tal-festa. Il-Kummissjoni barra brijju, tieħu ħsieb tagħmel sorpriżi waqt il-marċ tal-ħamis fejn fosthom kien sar l-akbar Pavaljun tal-festa ġewwa Malta.
Apparti dan, il-Kummissjoni tagħti ukoll kontribuzzjoni finanzjarja matul is-snin, fosthom donazzjonijiet għat-twieqi tal-koppla tal-Kolleġġjata, għall-qanpiena Ġorġa, kif ukoll rregalat xi strumenti lill-banda biex jissaħħah l-element mużikali fis-Soċjeta'. Ġew organizzati diversi attivitajiet b'kolloborazzjoni mal-Kunsill Lokali Qormi fosthom il-Lejla Qormija, l-festival ta' Gmiel il-Melodija, Il-Malta Records u n-Nutella Fest.
Silta meħuda u addattata minn artiklu li deher fil-ktejjeb tal-festa, tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, fl-2003. Artiklu miktub mis-Sinjorina Charyl Ciappara.
Għal aktar informazzjoni fuq l-Banda ta' San Ġorġ Martri, idħol fis-site www.bandasangorg.com