top of page
Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri

Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri 

Kumitat

 

Il-Festa f'Ħal Qormi minn dejjem kienet importanti, tant li fil-bibjoteka ta' Malta nsibu li meta l-Granmastru Pinto kien se jieħu l-pussess l-Imdina għadda minn Ħal Qormi u sab lil Qriema jisparaw l-Maskli. Iżda biex torganizza festa żgur li trid għaqda responsabbli. Minn dejjem kien hawn gruppi ta' nies li kienu nteressati għalhekk fil-bidu tas-seklu inħass il-bżonn li titwaqqaf għaqda li l-iskop ewlieni tagħha jkun l-organizzazzjoni tal-festa esterna ta' San Ġorġ. Il-Kumitat tal-Festa twaqqaf nhar l-Imnarja tas-sena 1919, bl-approvazzjoni ta' l-Isqof ta' dak iz-żmien, l-E.T.Dun Mauro Caruana, bl-iskop li jieħu ħsieb il-festa esterna ta' San Ġorġ. Tajjeb li ngħidu li dan kien l-ewwel Kumitat Festi Esterni li twaqqaf ġewwa Pajjiżna. Dak iż-żmien li fih twaqqaf kien responsabbli anke min-nar. Fil-fatt nistgħu ngħidu li kien il-Kumitat Festi Esterni li ġab l-ewwel esperti tal-logħob tan-nar Sqallin. Illum il-ġurnata l-Għaqda tan-nar hija awtonoma pero l-Kumitat jagħtiha donazzjoni, kif ukoll anke jagħti donazzjoni liż-żewg baned tal-parroċċa, l-Banda San Ġorġ Matri u Aniċi. Il-Kumitat huwa responsabbli għal baned barranin f'Jum il-Festa.

Il-Kumitat hu responsabbli ukoll mill-armar u d-dawl tat-toroq. Fost dan l-armar nsibu statwi li nħadmu min statwarji l-aktar magħrufa fi gżiritna fosthom Karlu Darmanin, Censu Cremona, Karmenu Mallia, magħruf bħala l-Lhudi u li kien Qormi u anke membru fl-istess Kumitat. Kull min jiġi jżur l-Belt Pinto f'jum il-festa jsib it-toroq kollha b'armar mill-aqwa. Fost l-aħjar xogħolijiet insibu hu l-palk prinċipali bl-istatwa tal-Granmastru Pinto, xogħol, Karlu Darmanin. Dan il-palk jintuża biex il-banda tkun tista' tagħmel il-programm fuqu f'Jum il-Festa. Xogħol sabiħ fl-injam. Bla dubju, l-armar ta' ġo Pjazza San Franġisk fejn insibu sett trofej u gastri, bl-istatwa ta' San Ġorġ riekeb iz-ziemel tiddominaw fin-nofs. iz-zuntier tal-Knisja Kolleġġjata jigi mżejjen bi statwi sbieħ ta' Omm u Missier San Ġorġ xogħol ta' Censu Cremona. Xogħol ta' preġju ieħor hi l-kuruna li tittella' quddiem il-Knisja. Din inħadmet fil-Belt Valletta fl-1900 u magħha nsibu erba' angli jzommu terħa. Matul is-snin fit-toroq tal-lokal, saru pavaljuni u bandalori ġodda, kollha b'disinn aktar baroque elaborat, b'kulur isfar fuq sfond aħmar. Saru ukoll statwi ġodda fit-triq tal-Knisja maħduma min Aaron Camilleri Cauchi u Manwel Farrugia, kif ukoll saru żewġ statwi ġodda fuq iz-zuntier, waħda ta' San Ġorġ Preca, l-ewwel Qaddis Malti u oħra ta' Dun Ġużepp Vella, l-persuna li ħadmet biex għandha l-Vara Titulari tagħna kif ukoll biex Ħal Qormi saret Belt.

 

Biex il-Kumitat ikopri għal dawn l-ispejjeż jorganizza diversi attivitajiet matul is-sena bħal dinner dances, tombli, serati kulturali u fieri. Tlett fieri partikolari jsiru hdejn il-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas, Tal-Vitorja u Tal-Blat. Il-Kumitat Festi Esterni kien għal xi żmien ukoll jorganizza l-Malta Spring Festival kif ukoll il-Qormi Wine Festival. Tajjeb li nsemmhu li fis-sena 2012 il-Kumitat Festi Esterni  waqt il-Malta Spring Festival kiseb ċertifikat tal-Guinness World Record għall-akbar tazza tal-inbid fid-Dinja. 

Il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri rregala bosta opri u għajnuniet lil Parroċċa. Wieħed isemmi s-sandli tad-deheb li l-Kumitat għamel u ħallas biex jitlibbes fuq il-Vara titulari fl-okkazzjoni ta' egħluq il-250 sena minn meta żżanżnet il-vara titulari. Is-sandli ġie magħmul minn deheb 22 karat. Kien propju fit-22 ta' Ġunju tal-1991 meta f'ċerimonja, ġie mżanżan dan is-sandli. Wieħed isemmi ukoll kif il-membri fi ħdan il-Kumitat Festi Esterni, kienu ukoll strumentali fir-restawr estensiv li sar fil-Knisja Parrokkjali, fejn ix-xogħol sar kollu volontarjament. 

Kummissjoni Żgħażagħ

Il-Kumitat Festi Esterni min dejjem ħaddan fih żgħażagħ li jgħatu sehemhom sabiex jiġu orrganizzati attivitajiet biex jinġabru fondi għall-festa ta San Ġorġ,  u fl-istess waqt jgħatu sehemhom fir-restawr tal-armar. Il-Kummissjoni Żgħażagħ twaqqfet fis-26 t'Ottubru tas-sena 2000. Dejjem tkun involuta fl-attiviatjiet organizzati mill-Kumitat kif  ukoll fuq xogħol ta' restawr tal-armar rikk li għandna u fuq xogħol ġdid. Il-Kummissjoni Żagħżagħ ħadmet u rregalat lil Kumitat l-armar tal-faċċata tas-sede, post magħruf bħala l-Misteri u li jinsab fi Triq il-Kbira eżattament ħdejn il-Kolleġġjata. Il-Kummissjoni ukoll ħadmet biex ġew irrestawrati l-istatwi ta' San Ġorġ Rebbiegħ jew kif inhu magħruf, San Ġorġ tal-erba', kif ukoll fuq San Ġorġ taż-żiemel b'direzzjoni tal-artist Qormi Silvio Pace. Il-Kummissjoni taħdem sabiex tkompli timpenja ruħa u tistinka biex bis-saħħa ta' bosta attivitajiet, tiġbor aktar fondi. It-titjib u l-organizzazjoni fi hdan il-Kummissjoni tkompli isaħħah dak li ilha taħdem għalih matul dawn l-ahhar snin. 

 

Għal aktar informazzjoni żuru l-facebook page Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri (Qormi)

Copyright © 2009 by Daniel Pullicino created with Wix.com

bottom of page